Tnax-il
San Ġiljan
L-ewwel storja ta’ Tnax-il teħodna fil-lokalità ta’ San Ġiljan. Hawn niltaqgħu ma’ Ġiljan, nannu għażiż, li jaqsam storja dwar żewġ sajjieda, Pietru u Ġużè.
Se jirrealizza Ġużè l-importanza tal-ġenerożità qabel ma jkun tard wisq, jew se jibqa’ moħħu jaħdem għalih innifsu?
Ta’ Xbiex
L-istorja li jmiss f’Tnax-il teħodna fil-lokalità tal-ambaxxati, Ta’ Xbiex. Miktuba minn Simone Spiteri, segwi n-narratriċi hekk kif tiskopri ritratt sepja li jiftaħ il-passat tan-nanna tagħha.
Il-wirt tal-imħabba u l-aspirazzjoni se jispiraha biex tiġri wara l-ħolm tagħha stess? Ikxef is-sigrieti tal-familja u l-maġija tan-nostalġija f’din l-istorja ħelwa.
Ħal-Lija
Kont taf li apparti l-larinġ, Ħal Lija huwa magħruf ukoll għall-elfini?
Għallinqas, hekk jemmen in-Nannu Ġuż! Ingħaqad man-narratur waqt li jsir jaf dwar l-istorja tal-Markiż u l-elfini tiegħu li jgħixu fit-Torri Belvedere.
Riħa ta’ Larinġ ta’ David Aloisio hija storja li ġġiegħel lill-qarrej japprezza t-temi tal-familja u l-immaġinazzjoni, filwaqt li tfakkar ir-relazzjoni mimlija mħabba bejn in-nanniet u n-neputijiet.
Imsida
Min iħobb iqum kmieni s-Sibt filgħodu biex jagħmel load ħwejjeġ? Żgur mhux Kilin!
Ir-rutina tiegħu tas-Sibt tinvolvi mawra sal-Għajn tal-Ħasselin biexjagħmel il-ħasla tal-ġimgħa. Għalkemm l-Għajn hija rinovata u mgħammra b’magni b’enerġija rinnovabbli, Kilin iddejjaq b’din ir-rutina.
Iżda laqgħa umoristika ġiegħlet lil Kilin jinsa l-frustrazzjoni tiegħu, u issa eċitat biex jerġa’ jmur l-Għajn is-Sibt li ġej. Min ħalla impatt fuqu? Għaliex qed jistenna bil-ħerqa biex jerġa’ jmur?
Tal-Pieta
Mario, inkwetat għall-aħħar dwar l-eżamijiet, jisma’ twerżiqa hu u miexi vicin il-ġnien ta’ Sa Maison, jew kif inhu magħruf aħjar, tal-Milorda. Ta’ min kienet dik it-twerziqa? Se jidħol ġol-ġnien Mario biex jiskopri x’ġara?
Ikseb il-kopja tiegħek ta’ Tnax-il u skopri kif Mario jirnexxielu jinsa l-inkwiet tiegħu u jsib il-kuraġġ biex jagħmel dak li hu ġust.
Birkirkara
Nikolai, tifel imqarqaċ, spiss kien jaħrab mit-tgergir t’ommu biex imur għand in-nanna Tessie li toqgħod f’Triq Fleur-de-Lys. Iżda ġara darba li fettilu jidħol ġo Ġnien l-Istazzjon, fejn jiltaqa’ ma’ xwejjaħ li donnu kien jaf lil Nikolai u jtih ktieb b’qoxra sewda.
Min kien dan ix-xwejjaħ misterjuż u kif kien jaf lil Nikolai? Għala tah ktieb, u x’kien fih gewwa? Ikseb il-kopja ta’ Tnax-il illum u aqra din l-istorja miktuba minn Carmel G. Cauchi!
Pembroke
Ingħaqad ma’ Clayton hekk kif jibda tellieqa unika f’Pembroke. Hu u jiġri jaqta’ nifsu, u titfaċċa tfajla żżomm ktieb tat-tpinġija, liebsa ġiżirana tal-fjuri li tiġbidlu l-attenzjoni. Min hi din it-tfajla? Għaliex il-ktieb tat-tpinġija tagħha mimli fjuri bl-istess forma u kuluri?
Swieqi
L-istorja ‘Ma Narax Kbir’ ta’ Gabriel Lia tieħu perspettiva differenti mill-kumplament tal-istejjer fi Tnax-il. Din l-istorja teħodna f’razzett fil-limiti tas-Swieqi, fejn baqra tirrakkonta ħajjitha fir-razzett. Iżda ġara darba li matul il-lejl il-ħbieb tagħha fir-razzett bdew jgħebu wieħed wieħed. X’qed jiġri fir-razzett? X’sar minnhom l-annimali?
Gzira
Hekk kif ix-xemx tinżel fuq l-ilmijiet ileqqu ta’ Marsamxett, lejl maġiku huwa mistenni mill-annimali tal-Gżira, wieħed li jiġri darba biss kull ħmistax-il sena! Ingħaqad mal-kelb Ċesri u l-ħbieb tiegħu qtates u għasafar hekk kif isegwu s-sejħa misterjuża tat-tfajjel tal-baħar moħbi taħt il-mewġ. X’se joffrilhom it-tfajjel tal-baħar lil dawn l-annimali?
Sliema
L-imħabba ta’ Lina għall-għawm u l-għadis kibret matul is-snin. Meta flimkien m’ommha jmorru Fond Għadir, Lina tmur lura fiż-żmien u tiskopri dinja ġdida li mhux familjari magħha. X’tiskopri Lina, u għaliex in-nies ta’ din id-dinja huma lebsin daqshekk differenti?
Għargħur
F’Sibt li jidher ordinarju, in-narratur u oħtu Berta jiltaqgħu kull ġimgħa mal-kuġini tagħhom Bertrand u Brian, lesti għal ġurnata mimlija snacks u logħob. Iżda meta jmorru ġo Wied il-Faħam, jaraw platt tal-fidda stramba iddur, segwita minn figura blu tiddi li toqrob lejhom. Hekk kif tinqala’ l-konfużjoni, Berta tisparixxi, u tħalli lill-familja u lill-ħbieb tagħha taħt xokk. X’sar minnha? U dik il-figura blu vera jew l-immaġinazzjoni tal-kuġini?
Iklin
Kont taf li l-Iklin imur lura sekli sħaħ b’siti arkeoloġiċi u kappella medjevali? Ingħaqad ma’ Hazel filwaqt li tirrilassa minn ġurnata skola qabel l-ikla mal-familja tagħha, u tgħallem aktar dwar il-lokal tal-Iklin.